Iċ-Ċimiterju Lhudi

ethelyne.italic-visit-kalkara

back-icon home-icon

maltese english

go-to-locationDan iċ-ċimiterju huwa l-eqdem midfen Lhudi f’Malta. Huwa jinsab fil-bidu ta’ Triq ir-Rnella, imdawwar bid-djar u b’kobor ta’ madwar 9 metri bi 12-il metru. L-art tad-dfin tinsab 2.50 metru ‘il fuq mit-triq, li tindika li sar xi tibdil fl-istruttura maż-żmien. Id-daħla preżenti tikkonsisti f’bieb dejjaq tal-injam li jagħti għal taraġ dejjaq.

It-twaqqif ta’ dan il-post bħala ċimiterju huwa mfakkar permezz ta’ skrizzjoni bil-Latin fuq il-bieb li tindika li nfetaħ uffiċjalment fl-1784. Dan sar permezz tal-flus maħruġa mill-fond ta’ Livorno bl-isem Chevrat Pidyon Shevuyim, imwaqqaf bl-għan li jikseb il-fidwa tal-iskjavi Lhud u d-difna tagħhom, wara rikors li għamel Agostino Formosa de Fremeaux. Fiċ-ċimiterju llum insibu tnax-il qabar identifikat, erbgħa oħra li mhux identifikati, ħaġra ta’ qabar u xi fdalijiet varji ta’ ġebel, kollha jmorru lura għas-seklu 19.