Inawgurazzjoni tar-restawr tal-irħama ta’ Ernle Bradford fil-Kalkara

maltese english

Nhar il-Ħadd 7 ta’ Novemberu, wara ħamsa u tletin sena mill-mewt tal-kittieb u storiku Ernle Bradford, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara inawgurat uffiċjalment ir-restawr fuq irħama kommemorattiva li tfakkar lil dan l-awtur li għex fil-Kalkara stess. Matul l-aħħar xhur, l-istess Assoċjazzjoni saħqet dwar il-bżonn li jsir restawr ta’ din l-irħama li minħabba ż-żmien u l-elementi spiċċat fi stat ħażin ħafna tant li l-kliem imnaqqax fuqha qas kien għadu jinqara. Wara l-awtorizzazzjoni tas-sid tal-post, l-Assoċjazzjoni ħadet ħsieb tressaq talba uffiċjali lill-Fondazzjoni Kottonera biex isir ir-restawr meħtieġ. L-Onor. Glenn Bedingfield, Chairman tal-istess Fondazzjoni, laqa’ din it-talba u x-xogħol ta’ restawr beda fi ftit żmien mid-Direttorat tar-Restawr. Il-ħidma kollha tlestiet fl-aħħar ġimgħat, biex b’hekk issa din l-irħama kommemorattiva reġgħet ħadet il-ħajja mill-ġdid. Sadanittant, fuq proposta tal-istess Assoċjazzjoni, u ħidma tal-Kunsill Lokali u l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq, l-isqaq li jagħti għal din id-dar minn din is-sena sar jismu Sqaq Ernle Bradford.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, l-Onor. Glenn Bedingfield

Ernle Dusgate Selby Bradford, magħruf aħjar bħala Ernle Bradford, twieled fil-11 ta’ Jannar 1922 f’Norfolk fl-Ingilterra. Missieru kien Jocelyn Bradford u ommu Ada Louise. Huwa magħruf bħala storiku Brittaniku l-iżjed dwar l-istorja tal-Mediterran u s-suġġetti navali. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Uppingham f’Rutland, filwaqt li mill-1940 beda jservi ukoll fir-Royal Navy matul it-Tieni Gwerra Dinjija fejn temm din il-karriera bħala Logutenent ta’ destroyer. F’din il-gwerra huwa sar iħobb lil Malta għax qatta’ xi żmien hawnhekk. Fl-1946 huwa sar l-editur fundatur tal-Antique Dealer and Collectors’ Guide. Għal tletin sena sħaħ huwa baħħar madwar il-Baħar Mediterran fuq il-jottijiet, u dan wasslu biex diversi mill-kotba tiegħu ġew ispirati u twettqu fl-istess baħar. Huwa rnexxielu jaqsam il-Baħar Atlantiku tliet darbiet permezz ta’ opri bil-qlugħ. Wieħed mill-kotba tiegħu The Journeying Moon jiddeskrivi l-vjaġġi u l-avventuri tiegħu stess, u jintemm bil-bejgħ tad-dgħajsa tiegħu Mischief lill-esploratur il-Maġġur Bill Tilman.

Bradford għex għal numru kbar ta’ snin il-Kalkara, fejn minbarra li kien jaħdem bħala xandar tal-BBC u editur ta’ magazines, ippubblika għadd kbir ta’ kotba. Fir-residenza fix-xatt tal-Kalkara, huwa ħoloq u kiteb dawn il-kotba: Great Siege of Malta 1565 (1961), The Touchstone (1962), The Sultan’s Admiral (1969), Antique Furniture (1970), Cleopatra (1971), Gibraltar (1971), The Mediterranean (1971), The Shield and the Sword Knights of Malta (1973), Christopher Columbus (1973), The Sword and the Scimitar-Crusades (1974), Paul the Traveller (1975) u The Essential Hero: Nelson (1977). Huwa miet il-Kalkara stess fit-8 ta’ Mejju 1986. Fl-istess sena, nhar it-3 ta’ Novembru, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kultura Dr. Alex Sceberras Trigona, kien inawgura irħama kommemorattiva mal-faċċata tad-dar fejn kien jgħix biex tfakkar lil dan l-awtur, fuq inizjattiva ta’ Kenneth Roger Rooney.

Żewġ kotba li kiteb Ernle Bradford meta kien jgħix il-Kalkara

Fl-attività mtella’ mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, kixef mill-ġdid din l-irħama l-Onor. Glenn Bedingfield, Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, li fid-diskors tiegħu saħaq dwar il-ħtieġa li nieħdu ħsieb il-patrimonju lokali ta’ kull lokalità filwaqt li fakkar li bħalissa fix-xatt tal-Kalkara qed isir proġett tant mistenni li għandu jitrasforma din iż-żona. Fl-istess attività tkellem is-Sindku Wayne Aquilina li fost l-oħrajn semma’ l-ħtieġa li nfakkru lill-persuni kollha li taw kontribut f’ġieħ il-komunità Kalkariża. Ħadu sehem ukoll l-awtur Charles Flores, il-poeta Omar Seguna u l-edukatriċi Rosanne Talbot li fakkru lil dan l-awtur permezz ta’ kitbietu u anki aneddoti personali.

1 thought on “Inawgurazzjoni tar-restawr tal-irħama ta’ Ernle Bradford fil-Kalkara”

  1. Huwa unur ghall-Kalkara li tfakkar kemm in-nies taghha li ghamlulha gieh kif ukoll personaggi ohra, anke jekk barranin li ghexu fil-Kalkara u ghamlu affarijiet straordinarji bhal ma huma kittieba bhal Ernle Bradford. Prosit.

    Liked by 1 person

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s