Restawr ta’ Opri tal-Irħam fil-Knisja

Nhar il-Ħamis 15 ta’ Lulju 2021 fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara, l-Onor. Glenn Bedingfield inawgura b’mod uffiċjali proġett ieħor importanti b’risq il-konservazzjoni tal-wirt storiku-reliġjuż tal-Kalkara li l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ħadmet fuqu matul l-aħħar xhur. Permezz ta’ fondi miksuba mill-Cottonera Projects and Initiatives Fund tal-Fondazzjoni Kottonera sar restawr intensiv fuq tliet opri tal-irħam li jinsabu fil-Knisja Parrokkjali. Dawn huma: il-battisteru tal-magħmudija xogħol il-marmista Mariano Russo u li kien imqiegħed fil-Knisja l-antika fl-1898, il-fonti tal-ilma mbierek li bħall-battisteru jinsab fl-entratura tal-Knisja, u l-artal maġġur xogħol il-marmista Armando Battelli fl-1953 li kien irregalat mis-Sinjuri Mintoff għall-Knisja preżenti.

Delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera l-Onor. Glenn Bedingfield u l-Kappillan tal-Parroċċa tal-Kalkara Fr. Brian Gialanzè

L-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali preċedenti tqegħdet nhar it-22 ta’ Ġunju 1890, u filwaqt li din ġiet imbierka nhar it-8 ta’ Jannar 1898, ix-xogħolijiet maġġuri tal-irħam fiha kollha kienu saru matul is-sena ta’ qabel propju s-sena li fiha nhar l-10 ta’ Diċembru l-Kalkara saret parroċċa awtonoma. Minbarra l-battisteru, saru bosta opri oħra tal-irħam fosthom l-artal maġġur u diversi artali oħra, il-paviment u anki l-kanċell artistiku tal-presbiterju. Sfortunatament dawn l-opri kollha intilfu, għajr il-battisteru li ġie salvat mill-qerda tal-gwerra. Fuqu għadhom jidhru sal-lum il-ġurnata ħsarat li seħħew bi splinters ta’ bombi tal-għadu. Probabilment kellu fuqu għatu tal-injam differenti minn dak li naraw illum, li iżda nqered fil-gwerra ukoll.

Dakinhar tal-10 ta’ April 1942, il-jum meta ġġarfet kompletament il-Knisja Parrokkjali preċedenti, kienet ġurnata traġika. Biss din il-ġrajja ma tappnitx il-kuraġġ tal-poplu tal-Kalkara, li nhar it-13 ta’ Ottubru 1946 qiegħed l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja preżenti. Din ġiet imbierka nhar is-7 ta’ Settembru 1952 u fiha tqegħdu l-battisteru salvat mill-gwerra, il-fonti tal-ilma mbierek u iżjed tard l-artal maġġur.

Ix-xogħol ta’ restawr biex sar dan il-proġett, li nkluda diversi stadji differenti, sar mill-konservaturi professjonisti James Licari u Ingrid Ross mid-ditta Heritage ResCo. Minbarra l-fażi ta’ dokumentazzjoni, sar tindif ġenerali ta’ dawn l-opri anki billi tneħħa materjal ta’ interventi li kienu saru fil-passat uħud minnhom mhux b’mod professjonali. Xquq partikulari ġew mimlija, filwaqt li nħadmet biċċa ġdida importanti tal-irħam fil-battisteru li kienet mitlufa. Sar tindif ukoll minn elementi oħra, kif ukoll ngħata layer protettiv fuq l-istrutturi. Dan minbarra li ġew miżbugħa mill-ġdid il-kliem ta’ fuq il-battisteru.

James Licari u Ingrid Ross mid-ditta Heritage ResCo.

Fid-diskors li għamel fl-istess okkażjoni, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara Duncan Brincat radd ħajr lill-Onor. Glenn Bedingfield u l-Fondazzjoni Kottonera għall-fondi meħtieġa biex sar dan ix-xogħol, lill-Kappillan Fr Brian Gialanzè li miegħu ssir ħidma konġunta biex jitwettqu dawn it-tip ta’ proġetti, u l-konservaturi James Licari u Ingrid Ross tax-xogħol professjonali li sar. Huwa saħaq li l-Assoċjazzjoni hija kommessa li tkompli taħdem bis-sħiħ sabiex il-wirt storiku Kalkariż ta’ kull xorta jiġi mħares u konservat. Huwa qal ukoll li l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara daħlet fi proġett importanti ieħor, dak tar-restawr tal-pedestall tal-vara titulari ta’ San Ġużepp. Għaldaqstant ħeġġeġ lil min jixtieq biex nhar is-Sibt filgħodu jippreżenta għotja b’dan l-għan waqt il-preżentazzjoni tal-bukketti tal-fjuri fil-Knisja Parrokkjali.

Minn naħa tiegħu l-Kappillan Fr Brian Gialanzè rrimarka li jħoss li huwa dover tal-Parroċċa li ssir konservazzjoni tal-patrimonju storiku u artistiku li finalment huwa tal-Kalkara. Huwa sostna li ser jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi simili li tieħu l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara.

L-Onor. Glenn Bedingfield fid-diskors tiegħu faħħar il-ħidma tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara li sejħilha bħala eżempju għall-għaqdiet kollha tal-istess ġeneru f’pajjiżna. Filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu għat-twettiq ta’ dan il-proġett, huwa ħabbar li fuq talba tal-istess Assoċjazzjoni matul ix-xhur li ġejjin ser jinbeda r-restawr meħtieġ fuq l-irħama kommemorattiva tal-awtur u storiku Ernle Bradford li tinsab fi Triq Malta Rebbieħa, liema aħbar ġiet milqugħa b’sodisfazzjon kbir minn dawk kollha preżenti. 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s