Matul din il-ġimgħa l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ffirmat il-kuntratt li permezz tiegħu matul is-sena d-dieħla ser tkun qed tniehdi l-proġett bl-isem: “Għaddi” – an experiential walk through Kalkara. Dan il-proġett kien sottomess bħala applikazzjoni tal-fond Creative Communities mnhiedi mill-Kunsill Malti għall-Arti, liema applikazzjoni ġiet ikklassifikata fl-ewwel post minn dawk kollha sottomessi f’din l-edizzjoni.
Il-proġett għandu l-għan li jiċċelebra l-identità soċjo-kulturali, l-istorja u l-ħsieb kollettiv tal-Kalkara u dan billi membri mill-komunità jirrakkuntaw b’mod attiv l-istejjer u l-esperjenzi tar-raħal waqt li juru l-ħiliet u s-snajja’ tagħhom bħala parti minn mixja esperjenzali miftuħa għall-pubbliku. Dan se jkun possibbli permezz ta’ proċess li jinkludi lill-membri tal-komunità lokali, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, lil Esplora Interactive Science Centre, lill-artista komunitarja Kristina Borg, żgħażagħ mill-Parroċċa tal-Kalkara u l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara. Il-mixja ser tkun qed titlaq minn Esplora u ser tieħu lil dawk preżenti fit-toroq tal-Kalkara.
Bħalissa bdiet il-ħidma preparatorja biex fil-ġranet li ġejjin jitħabbru l-partijiet tal-proġett li ser ikunu miftuħa għal setturi partikulari u anki l-pubbliku ġenerali. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara jixtieq irodd ħajr b’mod speċjali lil Kristina Borg u Esplora tal-ħidma konġunta li saret.
Dan il-proġett hu megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti – Komunitajiet Kreattivi.