Ir-Restawr tal-Kolonna fi Triq Santa Liberata

Il-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara jinnota bi pjaċir li nbeda r-restawr meħtieġ fuq il-kolonna antika li tinsab fi Triq Santa Liberata, il-Kalkara. Dan ir-restawr qed isir mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, wara li din l-istess kolonna kienet ġiet vandalizzata u sarilha ħsara fil-bidu ta’ Jannar li għadda.

Il-kolonna li għadna naraw illum inbniet għall-ħabta tal-1850. Flimkien ma’ kolonna oħra, dawn kienu jagħtu bidu għat-trejqa li mid-daħla l-antika tal-Kalkara kienet tagħti għall-Knisja u l-Kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini. Iż-żewġ kolonni kienu faċċata ta’ xulxin u fuqhom konna nsibu żewġ statwi: waħda ta’ San Pawl u l-oħra ta’ San Pietru. L-istatwa ta’ San Pietru kienet ġiet skolpita minn Vincenzo Sammut mir-Rabat, magħruf bħala Mastru Ċens, fl-1855, filwaqt li din ta’ San Pawl ġiet skolpita minn Alessandro Farrugia miż-Żejtun, magħruf bħala Mastru Xand, fl-istess sena. Minħabba f’hekk, dawn l-inħawi ħadu l-isem informali “ta’ San Pietru u San Pawl”. Sfortunatament, iż-żewġ statwi u waħda mill-kolonni saritilhom ħsara kbira kemm fit-Tieni Gwerra Dinjija, u aktar tard meta nfetħet it-triq preżenti għall-vetturi.

Is-Survey Map li qed nirriproduċu tal-bidu tas-seklu 20 timmarka l-post eżatt fejn kienu jinstabu l-pedestalli u l-istatwi, filwaqt li r-ritratt l-antik li qed jiġi riprodott juri l-Port l-Kbir ta’ Malta bid-daħla tal-Kalkara (ċ. 1860) u fl-isfond jidhru ż-żewġ statwi.

L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tawgura li fiż-żmien qarib, mhux biss jitlesta r-restawr preżenti, iżda wkoll terġa’ tinbena mill-ġdid il-kolonna l-oħra u jerġgħu jsiru l-istatwi ta’ San Pietru u San Pawl: ġawhra oħra Kalkariża li ntilfet maż-żmien u li jeħtieġ li terġa’ tinbena.

This slideshow requires JavaScript.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s